Trasformazzjoni fl-Iskejjel ta’ Malta permezz tal-Programm Edu-Infrastructure
Id-Direttorat tal-Loġistika u l-Infrastruttura fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni huwa impenjat li jipprovdi lill-istudenti l-aħjar ambjent possibbli għall-edukazzjoni akkademika taghhom. Immexxi minn viżjoni ta’ skejjel moderni, sostenibbli u teknoloġikament avvanzati, id-Direttorat qed imexxi ’l quddiem trasformazzjoni fit-tul tal-infrastruttura edukattiva f’Malta.
Fil-qalba ta’ din it-trasformazzjoni hemm il-Programm Edu-Infrastructure, inizjattiva nazzjonali ta’ 13-il sena li se twassal biex kull skola madwar Malta tiġi kompletament rinnovata u mgħammra bl-aħħar teknoloġija. Dan l-investiment ambizzjuż huwa mfassal biex jiżgura li l-istudenti jibbenefikaw mill-ogħla standards ta’ faċilitajiet edukattivi, filwaqt li l-iskejjel jibqgħu fuq quddiem nett fl-innovazzjoni edukattiva.
Is-sostenibbiltà hija pilastru ewlieni tal-programm. L-iskejjel li qed jiġu rinnovati qed jiġu aġġornati skont l-istandards tal-Green Buildings, billi jiġu inkorporati l-aktar soluzzjonijiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija li huma disponibbli llum. Sistemi ta’ arja kkundizzjonata Variable Refrigerant Flow (VRF) qed jiġu installati biex jitnaqqas il-konsum tal-elettriku, filwaqt li aperturi double glazed u insulazzjoni tas-saqaf qed isaħħu aktar l-effiċjenza tal-enerġija.
Biex jikkumplimentaw dawn il-miżuri, b’kollaborazzjoni mal-Climate Action Authority, qed jiġu installati faċilitajiet fotovoltajċi fuq is-saqaf tal-iskejjel. Dan is-sors ta’ enerġija rinnovabbli se jnaqqas b’mod sinifikanti d-dipendenza fuq il-karburanti fossili, inaqqas l-emissjonijiet u jikkontribwixxi lejn l-impenn ambjentali ta’ Malta.
Ix-xogħol fl-Iskola Adrian Borg f’Birkirkara issa wasal fi stadju avvanzat, u dan jirrappreżenta wieħed mill-aħħar kisbiet tal-Programm Edu-Infrastructure. Xogħol simili diġà beda f’diversi skejjel oħra madwar il-gżira, u dan qed jirrifletti progress kostanti lejn il-ħolqien ta’ netwerk ta’ skejjel moderni, sostenibbli u lesti għall-futur.